Ir-Rumani f’Malta | Minn Melite għal Malta

Ir-Rumani f’Malta | Minn Melite għal Malta

Il-konnessjoni ta’ Malta mal-Imperu Ruman hija storja twila ta’ seba’ sekli, li ħalliet marka fuq il-kultura, il-lingwa, u l-identità tal-gżira. Ir-Rumani f’Malta waslu fuq ix-xtutna bejn wieħed u ieħor fis-sena 218 QK, ħadu l-kontroll mill-Kartaġiniżi u bdew l-itwal ħakma imperjali fl-istorja ta’ Malta. Dan l-artiklu jesplora r-rabtiet dejjiema bejn Malta u l-Imperu Ruman, u jeżamina kif l-effett ta’ din iċ-ċivilizzazzjoni antika jibqa’ ħaj saż-żminijiet moderni.


Aqra l-artiklu bl-Ingliż – Dan l-artiklu hu kollaborazzjoni ma’ maltadaily.mt


L-evoluzzjoni tal-isem Malta

L-isem “Malta” evolva fuq perjodi ta’ millennji, li jirriflettu l-istorja rikka tal-gżira. Oriġinarjament magħrufa bħala “Maleth” mill-Feniċi, li tfisser port kenni, aktar tard saret “Melitas” bil-Grieg u eventwalment “Melite” bil-Latin matul il-ħakma Rumana. Maż-żmien, “Melite” evolviet f’Malta li nagħrfu llum.

Bl-istess mod, isem Għawdex ukoll ġej minn żmien ir-Rumani f’Malta. Ir-Rumani rreferew għal Għawdex bħala “Gaulos,” li ġejja minn “gauloi,” kelma Griega li tirreferi għall-bastimenti merkantili Feniċi mibnija għat-tond. Permezz tal-evoluzzjoni lingwistika, “Gaulos” saret “Gaudos,” u fl-aħħar mill-aħħar tat lok għall-isem Għawdex.

Tpinġija ta’ gauloi
Tpinġija ta’ gauloi – Sors zmkwesternciv

L-awtonomija politika ta’ Malta

Fi żmien ir-Rumani, Malta għall-ewwel gawdiet minn livell ta’ awtonomija politika, ikkaratterizzata minn istituzzjonijiet amministrattivi fuq stil Repubblikan. Madankollu, din l-awtonomija ġiet imneħħija mill-Imperatur Awgustu, possibbilment minħabba li Malta appoġġat wieħed mill-avversarji politiċi tiegħu. Għal perjodu sinifikanti, Malta kienet meqjusa bħala pussess dirett tal-imperatur Ruman, bl-awtonomija terġa’ tiddaħħal biss taħt l-Imperatur Dijoklezjanu fis-sena 286 WK.

Ir-Rumani f’Malta raw opportunita` ta’ kummerċ

Il‑muniti li nħadmu matul l‑okkupazzjoni Rumana bikrija ta’ Malta juru l‑influwenzi kulturali diversi fuq il-gżira. Għall-bidu, Malta ħaddnet ikoni reliġjużi Eġizzjani, bħall-għajn ta’ Horus li għadha tidher fuq id-dgħajjes tas-sajd tal-luzzu sal-lum u kienet tiġi mitkellma l-lingwa Punika. Aktar tard, il-Maltin għaddew għal sistema ta’ twemmin reliġjuż aktar Puniku, segwita minn bidla għal-lingwa Griega u l-qima lejn allat Griegi. Fl-aħħar, il-gżira bdiet tadura lill-allat Rumani u tuża l-Latin bħala lingwa. Din l-amalgamazzjoni kulturali tirrifletti l-istorja dinamika ta’ Malta taħt il-ħakma Rumana.

Ġid u vilel Rumani f’Malta

Studjużi Rumani prominenti, Ċiċerun u Diodorus Siculus, jiddeskrivu lil Malta bħala gżira prosperuża u fertili, ikkaratterizzata minn abbundanza ta’ vilel imxerrda mal-pajsaġġ tagħha. Id-Domus Rumana fir-Rabat isservi ta’ xhieda ta’ dan il-ġid materjali. Cicero enfasizza b’mod partikolari l-fama internazzjonali tas-santwarju ornat ta’ Ġuno, illum magħruf bħala tas-Silġ f’Marsaxlokk. Minħabba l-inkwiet u l-gwerra ċivili f’Ruma fi żmien ir-renju ta’ Ċesri, il-karriera politika ta’ Ċiċerun ħadet żvolta għall-agħar. Tant Malta kienet għal qalbu, li biex jaħrab mill-kaos f’Ruma, Ċiċerun darbtejn ikkontempla eżilju volontarju u li jirtira fil-gżira.

Sinifikat ekonomiku

Il-kitbiet ta’ Ċiċerun jixħtu dawl ukoll fuq l-ekonomija ta’ Malta, partikolarment fil-produzzjoni fina tat-tessuti, rikonoxxuta fl-Imperu Ruman kollu bħala “tantum Melitensium”. Għall-kuntrarju tat-twemmin popolari, il-fama ta’ Malta ma kinitx mibnija fuq il-produzzjoni tal-għasel; minflok, il-gżira brillat f’metodi avvanzati ta’ produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa. Għalhekk, it-teorija popolari li ‘Malta’ ġejja mill-kelma Latina għall-għasel, “mel”, hija żbaljata wkoll.

Livelli tal-għajxien taħt ir-Rumani

Il-maġġoranza taċ-ċittadini Maltin gawdew minn livell ta’ għajxien diċenti, b’riżorsi biżżejjed biex joffru sagrifiċċji lill-allat tagħhom. Nies sinjuri kellhom il-mezzi biex jibnu vilel rikki, b’eżempju ċar bid-Domus Romana fir-Rabat. L-użu tal-muniti bħala ħlas jindika ekonomija ħajja li kienet marret lil hinn mit-tpartit. Il-preżenza ta’ muniti b’valuri dejjem ogħla maż-żminijiet tindika li n-nies bdew jonfqu iktar, sinjal ta’ titjib fil-livelli tal-għajxien. L-evidenza tal-kummerċ testendi lil hinn mix-xtut ta’ Malta, bil-muniti Maltin skoperti f’postijiet bħal Martigny fi Franza, u munita Lhudija mill-Palestina li nstabet fil-gżira, li juru attivitajiet kummerċjali sostanzjali.

Deċifrazzjoni tal-lingwa Feniċi

Iċ-Ċippi ta’ Melqart, żewġ cippi tal-irħam Feniċi mibnija fi żmien ir-Rumani, ipprovdew ħarsa unika lejn l-istorja lingwistika tal-gżira. Dawn iċ-ċippi kien fihom talba lill-alla Melqart miktuba kemm bil-Grieg Antik kif ukoll bil-lingwa tal-Feniċi. Analiżi komparattiva tal-ittri Feniċi kontra t-test Grieg ippermettiet lir-riċerkaturi jifhmu l-alfabett misterjuż Feniċju.

Wieħed miċ-cippi, ippreżentat mill-Gran Mastru de Rohan lir-Re Franċiż Louis XVI fl-1782, issa jinsab fil-Louvre, filwaqt li l-ieħor jinsab fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta. L-iskrizzjoni Feniċi fuq waħda miċ-ċippi tgħid:

“Lill-sidna Melqart, 

Sid ta’ Tir, 

iddedikat lilek mill- qaddej Abd’ Osir u ħuh ‘Osirshamar 

it-tnejn ulied ‘Osirshamar, bin Abd’ Osir, għax sema’ leħinhom, 

jalla jberikhom.”

Il-Kristjaneżmu bħala wirt Ruman

Malta Rumana tissemma wkoll fil-Bibbja. San Pawl inkalja mal-gżira fis-sena 60WK. Din hija l-ewwel traċċa tal-Kirstjaneżmu f’Malta. Peress li San Pawl meqjus bħala Appostlu, Malta hija waħda minn biss ħamsa u għoxrin Sede Appostolika, iġifieri, sit fejn Appostlu waqqaf il-Kristjaneżmu. Meta Pawlu telaq, probabbilment ħalla warajh nukleju żgħir ta’ nsara, kif kien jiġri f’bosta drabi oħra fejn żar l-Appostlu San Pawl.

Huwa biss wara s-sena 400Wk li naraw żieda notevoli ta’ nsara f’ Malta, kif kien qed jiġri fil-kumplament tal-Imperu Ruman. Evidenza ta’ dan huwa n-numru kbir ta’ katakombi madwar il-gżira, li kienu jsegwu l-istess struttura Kristjana osservata f’komunitajiet insara oħra tar-reġjun. 

Mejda Agape (triclinia), karatteristika unika tal-katakombi Maltin, li ma ssibha mkien, sors: www.ancient-origins.net

Fdalijiet arkitettoniċi

Fost it-teżori storiċi tal-gżira, il-katakombi jżommu post speċjali. Dawn is-siti ta’ dfin taħt l-art jipprovdu għarfien dwar il-wirt għani ta’ Malta. Karatteristika distintiva hija l-mejda tal-Agape (triclinia), li tinsab biss fil-katakombi Maltin, u żżid mal-valur storiku tagħhom.

Malta għandha diversi fdalijiet arkitettoniċi oħra minn żmien ir-Rumani f’Malta. Id-Domus Romana fir-Rabat hija eżempju prominenti, iżda vilel oħra jinsabu fiż-Żejtun, Birżebbuġa, San Pawl Milqi, u r-Ramla l-Ħamra. Dawn il-vilel kienu mgħammra b’apparat sofistikat għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa. Barra minn hekk, strutturi reliġjużi, bħat-tempju Tas-Silġ u Ras il-Wardija f’Għawdex, juru l-wirt Ruman ta’ Malta. Banjijiet pubbliċi, attrezzati b’sistemi avvanzati li kienu jsaħħnu l-ilma taħt l-art, instabu wkoll f’Għajn Tuffieħa.


L-effett tar-Rumani f’Malta mhux biss relikwa tal-istorja, iżda xhieda ħajja tal-wirt dejjiemi tal-gżira. Mill-evoluzzjoni ta’ isimha sal-fdalijiet arkitettoniċi u l-katakombi uniċi, il-passat Ruman ta’ Malta ikompli jsawwar l-identità kulturali tagħna. Hija sservi li tfakkarna l-importanza ta’ gżira żgħira li kellha r-rwol tagħha fl-istorja grandjuża tal-Imperu Ruman.

Sors

Bonanno, A., & Cilia, D. (2005). Malta: Phoenician, Punic, and Roman. Malta : Midsea Books.

Leave a Reply

Your email address will not be published.