L-istorja tas-siġar tal-Mosta tgħallimna l-importanza tal-komunikazzjoni fit-twettieq tal-politika 

Is-siġar tal-Ficus qrib il-Pjazza tal-Mosta nhar it-Tnejn wara li l-fergħat tagħhom ġew mirquma. Ritratt: Chris Sant Fournier – Sors Times of Malta

Aqra l-kontenut bl-Ingliz


12-il siġra tal-fikus li jinsabu biswit ir-Rotunda tal-Mosta tqaċċtu mill-fergħat tagħhom. Il-Kunsill lokali tal-Mosta kien qabel unanimament li jaqla’ s-siġar u jirrilokahom fl-inħawi ta’ Santa Margherita. Dan kollu biex imbgħad fl-aħħar, id-deċiżjoni inqalbet wara l-kontroversja pubblika li qamet.

Dawn is-siġar tal-ficus kienu ilhom isebbħu l-pjazza tal-Mosta għal aktar minn 50 sena. Madankollu, tajjeb wieħed japprezza li dawn is-siġar tħawlu fi żmien meta l-post u t-tip ta’ siġra li titħawwel f’xogħlijiet ta’ tisbieħ, kienu jintgħazlu b’ ħafna inqas ħsieb mil-lum. Fil-fatt, is-siġar tal-ficus kienu ta’ spiss jitħawlu f ’żoni urbani mingħajr ma jitqies bir-reqqa kemm vera kienu adegwati. Wara numru ta’ snin, dan wassal għal diversi problem li qed iqumu illum.

Il-probelmi li jistgħu joħolqu dawn l-ispeċijiet f’ċerti ambjenti urbani jinkludu:

Sistemi ta’ għeruq aggressivi: Is-siġar tal-ficus huma magħrufa għas-sistemi ta’ għeruq estensivi tagħhom. F’ambjenti urbani, dawn l-għeruq jistgħu jagħmlu ħsara lill-bankini, lill-utilitajiet taħt l-art, u lill-pedamenti tal-bini. Dan jista’ jwassal għal tiswijiet u manutenzjoni li jiswew ħafna flus.

Id-daqs u r-rekwiżiti tal-ispazju: Is-siġar tal-Ficus kapaċi jikbru mhux ħażin, u b’hekk ma jibqawx adattati għal spazji urbani zgħar. Id-daqs tagħhom jista’ jwassal għal iffullar żejjed, jostakola l-bankini, u li jsiru ħsarat lil-linji tal-arbli tad-dawl.

Il-perspettiva tal-Kunsill Lokali tal-Mosta

Minħabba li kienu diġà għaddejin xi xogħlijet ta’ tisbieħ fil-pjazza, il-Kunsill lokali u l-ERA ħassew li kien żmien opportun li jirrilokaw is-siġar. U b’hekk, dawk il-probelmi li joħolqu s-siġar tal-ficus, setgħu jiġu milqugħa minn qabel. 

Tajjeb għalhekk wieħed japprezza li l-Kunsill lokali u l-ERA kellhom quddiemhom deċiżjoni kumplessa. Dawn l-għeruq, jekk ma jiġux imrażżna, jistgħu joħolqu riskji sostanzjali għall-ħitan li hemm mal-ġenb, għall-pajpijiet li jgħaddu minn taħt it-triq, u saħansitra għall-pedamenti tal-bini fil-viċinanzi. Sintendi, dan jista’ jġib miegħu perikli għas-sigurtà tan-nies u kif ukoll spejjeż sostanzjali marbuta ma’ tiswija u manutenzjoni.

Barra minn hekk, id-deċiżjoni tagħhom kellha l-ħsieb li tilqa’ minn qabel għal xi perikli jew ħsarat li setgħu jinħolqu. L-ispazji urbani qed jevolvu b’mod kontinwu, u l-ippjanar tal-ibliet spiss ikollu jibbilanċja bejn il-ġestjoni ekoloġika u l-ħtiġijiet prattiċi tal-infrastruttura urbana. 

Meta għażel li jirriloka s-siġar, il-Kunsill lokali tal-Mosta possibilment ittama li jtaffi l-impatt dirett fiżiku fuq l-ambjent urban u fl-istess ħin isolvi b’mod preventiv problemi li jistgħu jiggravaw maż-żmien.

Madankollu, il-kuntest preżenti ta’ Malta jeħtieġ li min ifassal il-politika urbana jżomm perepettiva usa’ minn hekk.

Xi aspetti tat-tfassil tal-politika li ġew injorati

L-iżvilupp urban issa qed jiġi skrutinizzat dejjem aktar, partikolarment mil-lenti tas-sostenibbiltà ambjentali u l-benesseri komunitarju. B’hekk, wieħed ma setax ikun sorpiż bir-reazzjoni pubblika li qamet. Ma jistax wieħed jinsa li qed ngħixu f’perjodu fejn dejjem hemm domanda ikbar għall-iżvilupp urban li jżewweġ ippjanar strutturali mal-preservazzjoni ekoloġika. Dan il-punt huwa relevanti ħafna, speċjalment meta wieħed iqis li l-konsultazzjoni u komunikazzjoni li wera l-Kunsill meta mexa ’l quddiem b’dan il-proġett kienet fqira ħafna.

Mil-lat ambjentali, it-tneħħija ta’ dawn is-siġar hija kemm ta’ niket kif ukoll ta’ tħassib. Dawn is-siġar tal-Ficus għandhom mhux biss valur storiku iżda għandhom ukoll irwol ekoloġiku kruċjali.

Is-siġar inkwistjoni kellhom firxa kbira ta’ fergħat, li kienet sservi bħala l-uniku sit ta’ fejn Zakak Abjad seta’ jbejjet barra mill-Belt Valletta. L-isturnell u l-għasafar tal-bejt kienu wkoll jistkennu f’dawn is-siġar.

Hemm ukoll kunflitt bejn il-linji gwida tal-gvern u l-każ tal-Mosta. Is-siġar tal-Ficus huma speċi protetta għax jinsabu f’ambjent urban u huma qodma biżżejjed. Apparti minn hekk, bħala firmatarja tad-Direttiva dwar l-Għasafar tal-UE, Malta hija wkoll marbuta li tikkonserva l-għasafar selvaġġi fi ħdan l-abitat naturali tagħhom. Għalhekk, fil-każ tal-Mosta, kellha titqies ukoll il-protezzjoni tal-għasafar f’ambjenti urbani.

X’nistgħu nitgħallmu minn din is-sitwazzjoni?

L-importanza tal-konsultazzjoni pubblika

Wieħed mill-aspetti kritiċi enfasizzati minn din il-kontroversja huwa l-ħtieġa ta’ messaġġi ta’ politika proattivi u konsultazzjoni pubblika estensiva. Fi proġetti futuri, hemm bżonn ta’ aktar involviment tal-Komunità lokali fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, filwaqt li jipprovdi informazzjoni ċara. Dawn jistgħu jgħinu biex jiġu evitati protesti u jitrawwem sens ta’ responsabilità kollettiva bejn l-awtoritajiet u l-pubbliku ġenerali.

Komunikazzjoni proattiva minflok reattiva għal kummentarju pubbliku

Biex komunikazzjoni tkun effettiva, trid issir qabel ma jittieħed proġett, iktar milli waqt ix-xogħolijiet. Dawk li jfasslu l-politika għandhom jantiċipaw it-tħassib pubbliku li jista’ jinqala’ u jispjegaw ir-raġunament wara d-deċiżjonijiet qabel ma jinqalaw protesti. Permezz ta’ dan, dawk li jfasslu l-politika jrawmu l-fiduċja u l-fehim, u jwittu t-triq għal implimentazzjoni aktar bla xkiel tal-inizjattivi u r-riżultati appoġġati mill-komunitajiet.

Tfittxija għal soluzzjonijiet alternattivi

Filwaqt li jirrikonoxxu n-nuqqas ta’ adegwatezza tas-siġra tal-fikus, dawk li jfasslu l-politika setgħu fittxu alternattivi inqas kontroversjali, iżda daqstant effettivi, Per eżempju, dan seta’ sar permezz ta’ ġestjoni tal-għeruq jew it-tfassil mill-ġdid tal-ispazju biex jakkomoda s-siġar. B’hekk, kienu jinżammu l-benefiċċji ekoloġiċi tagħhom u fl-istess ħin, jitjieb il-pajsaġġ urban.

Leave a Reply

Your email address will not be published.