Is-saħħa ta’ Malta fl-UE mhedda: il-Parlament Ewropew se jivvota biex jillimita l-poter tal-veto

Jekk l-UE tillimita l-poter tal-veto, is-saħħa ta' Malta fl-UE tonqos drastikament

Vot tal-Parlament Ewropew biex jillimita l-poter tal-veto fl-UE kapaċi inaqqas sostanzjalment is-saħħa ta’ Malta fl-UE.

F’ pajjiż demokratiku Malti-Ewropew, min għandu jkollu l-iktar vuċi fid-deċiżjonijiet li jolqtu lill-Maltin? Il-Parlament Malti jew l-Unjoni Ewropea? Il-biċċa l-kbira jaqblu li politiċi Maltin familjari u aċċessibbli għandu jkollhom rwol akbar minn politikanti moħbija u mbiegħda tal-UE.

Huwa għalhekk li l-UE oriġinarjament kienet strutturata biex tirrispetta din il-karatteristika unika ta’ Unjoni ta’ Stati Ewropej. Iżda sensiela ta’ voti, l-aħħar waħda mistennija għal Novembru 2023, tista’ timbotta b’ mod sinifikanti dan il-bilanċ tal-poter, ’il bogħod minn Malta u aktar lejn l-UE. Fl-artiklu tal-lum se nesploraw dan il-bilanċ tal-poter u kif l-Ewrokratiċi jridu jbiddlu drammatikament il-bilanċ tad-demokrazija għall-Istati ż-żgħar tal-UE bħal Malta.


Aqra l-artiklu bl-Ingliż


Kif taħdem l-UE

L-UE hija struttura politika kumplessa ħafna. Għalhekk, qabel ma nidħlu f’ aktar dettall, huwa importanti li jkun hemm xi fehim bażiku ta’ kif isiru liġijiet ġodda fl-UE. Hemm tliett istituzzjonijiet priċipali; il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. 

Il-Kummissjoni Ewropea hija komposta minn grupp ta’ 27 uffiċjal mhux elett flimkien mal-President tal-Kummissjoni (attwalment eks Membru Parlamentari Ġermaniża, Ursula Von der Leyen). Il-Kummisjoni hija kompletament iffukata fuq li tipproponi liġijiet ġodda. Dawn il-liġijiet jiġu approvati, emendati jew miċħuda għal kollox mill-Kunsill tal-UE, jew b’ mod konġunt mill-Kunsill tal-UE u l-Parlament Ewropew. Ejja nispjegaw dan ftit aktar.

Il-Parlament Ewropew huwa maħluq biex jirrappreżenta l-interess tal-UE in ġenerali. Il-Parlament Ewropew huwa grupp enormi ta’ 705 persuni mill-pajjiżi kollha tal-UE, b’ kull pajjiż ikollu numru ta’ siġġijiet allokati skont id-daqs tal-popolazzjoni tiegħu. Peress li l-Ġermanja hija l-akbar Stat tal-UE, għandha 96 siġġu. Malta, peress li hi l-iżgħar Stat, għandha biss 6 siġġijiet.

Imbagħad hemm il-Kunsill tal-UE li huwa magħmul minn Ministri nazzjonali, skont is-suġġett li jkun qed jiġi diskuss. In-natura tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea hija tali mod li tirrappreżenta l-interessi tal-pajjiżi individwali. Hawnhekk il-voti jsegwu dak li jissejjaħ Qualified majority Voting (QMV). Skont il-QMV, il-liġijiet jgħaddu meta 55% tal-Ministri jivvutaw favur (jiġifieri mill-inqas 15-il Ministru jridu japprovaw il-liġi). Pero hemm imma. Mhux biżżejjed li jinġabru 15-il vot, imma wkoll dawn il-Ministri jridu jirrappreżentaw mill-inqas 65% tal-popolazzjoni tal-UE. Biex nifhmu iktar dan il-kunċwtt, jekk l-iżgħar 15-il pajjiż tal-UE jivvutaw l-istess, dik il-liġi xorta ma tgħaddix għax dawn jammontaw biss għal 14% tal-popolazzjoni tal-UE.

Biex liġi tgħaddi, hemm bżonn li l-Kunsill u l-Parlament jaqblu t-tnejn. Madankollu, għal xi oqsma sensittivi bħat-tassazzjoni u d-difiża nazzjonali, il-Kunsill biss għandu d-dritt li jivvota. Ir-raġuni hawnhekk hija sempliċi: ċertu affarijiet huma aktar delikati u jolqtu lil pajjiż direttament. Għalhekk, għandhom ikunu biss il-politiċi nazzjonali li jiddeċiedu għall-poplu tagħhom.

Kompetenzi – fejn tista’ u ma tistax taġixxi l-UE

Il-ħaġa li jmiss li trid tifhem hija l-kunċett tal-kompetenzi. L-UE twaqqfet mill-Istati Membri tagħha, u meta għamlu dan, iddeċidew f’ liema oqsma tista’ tintervjeni l-UE, u f’ liema ma tistax. Il-kompetenzi tal-UE huma limitati, u dan huwa intenzjonalment. F’ għadd ta’ oqsma, l-Istati Membri la jridu, u lanqas ma jafdaw lill-UE biex tieħu deċiżjonijiet f’ isimhom. F’ oqsma oħra, huma japprezzaw il-fatt li peress il-pajjiżi tal-UE huma qrib xulxin, huwa importanti li jikkollaboraw. Għahekk, jippermettu lill-UE tiddeċiedi kollettivament l-aħjar triq ’il quddiem. Filfatt hemm tliet tipi ta’ kompetenzi:

  1. Kompetenzi esklussivi tal-UE – oqsma fejn l-UE biss tista’ tiddeċiedi
  2. Kompetenzi kondiviżi – oqsma fejn kemm l-UE kif ukoll il-pajjiżi membri għandhom is-setgħa jgħaddu l-liġijiet.
  3. Kompetenzi ta’ appoġġ: oqsma fejn l-UE m’ għandha l-ebda setgħa li tgħaddi liġijiet jew tindaħal.

Pajjiż żgħir bħal Malta ftit li xejn jista’ jinfluwenza d-deċiżjonijiet la fil-Kunsill u lanqas fil-Parlament. Anzi huma l-pajjiżi l-kbar li l-aktar jiddettaw l-aġenda. Dan għal żewġ raġunijiet. L- ewwel waħda hija waħda prattika, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew huma mfassla biex jagħtu rappreżentanza kbira lil dawn il-pajjiżi. It-tieni waħda hija li pajjiżi bħall-Ġermanja u Franza għandhom interess qawwi storiku fl-affarijiet tal-kontinent, u bis-saħħa ta’ dan, l-interessi nazzjonali tagħhom jimxu ħafna ma dak tal-Ewropa.

Allura, dan ifisser li Malta trid iċċedi kompletament is-sovranita’ tagħha? Le, u dan bis-saħħa tal-poter tal-veto. Hemm xi oqsma li fihom il-Kunsill biss jista’ jivvota u m’ għandux bżonn vot mill-Parlament Ewropew. F’ dawn l-oqsma speċjali, hija meħtieġa l-unanimita’. Dan ifisser li l-membri kollha tal-Kunsill iridu jaqblu, u jekk pajjiż wieħed, eżempju Malta, ma jaqbilx, jista’ juża l-poter tal-veto tiegħu. Dawn l-oqsma huma:

  • politika barranija u s-sigurta’ komuni
  • ċittadinanza
  • sħubija fl-UE
  • armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-tassazzjoni indiretta
  • finanzi tal-UE
  • ċerti aspetti fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni
  • armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali fil-qasam tas-sigurta soċjali u l-protezzjoni soċjali.

Dawn l-oqsma huma sensittivi ħafna, u huwa għalhekk li jirrikjedu l-unanimita’. Hawnhekk, Malta tista’ tuża l-poter tal-veto tagħha biex tiżgura li ma jiġi impost xejn fuqna kontra r-rieda tagħna. L-użu tal-veto jdewwem il-proċessi, għall-frustrazzjoni tal-burokratiċi, u f’ xi każijiet, l-atturi l-kbar tal-blokk. Fil-fatt, kull meta l-UE jkollha bżonn tieħu deċiżjonijiet diffiċli f’ perjodu qasir ta’ żmien, l-ilħna li jkunu jridu jtemmu l-poter tal-veto għal kollox dejjem jerġgħu jqumu. U hekk qed jerġa’ jiġri f’ Novembru fi proposta tal-Parlament Ewropew bil-għan li l-UE ssir aktar effiċjenti u inqas burokratika.

Kif il-Palament Ewropew irid jillimat l-poter tal-veto

Ir-riformi proposti jiffukaw fuq żewġ oqsma. L-ewwel waħda hija l-espansjoni tal-oqsma li fihom tista’ topera l-UE. Oqsma relatati mal-ambjent u l-bijodiversita’, li sa issa kienu kompetenzi kondiviżi, se jiġu mċaqalqa għal kompetenzi esklussivi tal-UE. Imbagħad, oqsma li qabel kienu kompetenzi nazzjonali, issa se jsiru kompetenzi kondiviżi, u dawn jinkludu s-saħħa pubblika, il-protezzjoni ċivili, l-industrija, l-edukazzjoni, l-enerġija, l-affarijiet barranin, id-difiża, il-fruntieri u l-infrastruttura bejn il-pajjiżi. Dan ifisser li l-UE se tkun tista’ tindaħal b’ mod aktar b’ saħħtu fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini, għad-detriment tal-awtonomija tal-Parlament nazzjonali.

It-tieni aspett huwa s-sostituzzjoni tal-poter tal-veto fil-Kunsill bil-QMV. Flimkien twessiegħh tal-kompetenzi tal-UE, dan ifisser li mhux biss is-setgħat tal-parlamenti nazzjonali se jitnawru b’ mod konsiderevoli, iżda anke l-kapaċitajiet tagħhom li jirreżistu deċiżjonijiet bħal dawn se jkunu limitati. Effettivament, peress li ħafna mit-tfassil tal-politika huwa influwenzat mill-atturi l-kbar, hemm ċans ikbar li l-ħtiġijiet u t-tħassib uniċi ta’ Nazzjonijiet iżgħar jiġu injorati. Għal Malta b’ mod partikolari, il-bidla għall-QMV toħloq sfida sinifikanti. Filwaqt li Malta hija rappreżentata fil-Parlament Ewropew, il-vuċi tagħha hija ferm iżgħar meta mqabbla ma’ Stati akbar. It-telf tal-poter tal-veto fil-Kunsill ikompli jnaqqas il-ħila ta’ Malta li tinfluwenza l-politika tal-UE direttament, u jqajjem tħassib dwar il-ħarsien tal-interessi nazzjonali tagħha.

L-UE għalhekk tidher li qed tinsa twissija importanti tal-istorja. Proċeduri twal huma dejjem aktar siguri minn dawk ta’ malajr li jittieħdu mill-ftit pajjiżi b’ saħħithom. Dan il-prinċipju jaqbel mas-saltna tad-dritt, filwaqt li jenfasizza l-importanza li tiġi evitata sitwazzjoni fejn hemm ħafna setgħa fi ftit idejn.

Kritiċi favur din il-proposta jgħidu li l-veto fil-Kunsill spiss intuża b ’mod politiku biex jinkiseb favur f’ oqsma oħra. Dawn il-kritiċi iżda donnhom jinsew parti essenzjali mill-politika. Il-politika hija kollha dwar l-interessi, in-negozjar u l-pragmatiżmu.

Id-dibattitu dwar ir-riformi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE huwa att delikat ta’ bbilanċjar bejn il-ħtieġa għall-effiċjenza u r-rispett għas-sovranita’ nazzjonali. Filwaqt li s-simplifikazzjoni tal-proċessi tista’ tagħmel lill-UE aktar reattiva u effettiva, tirriskja wkoll li temarġinalizza Stati Membri iżgħar. Kompromess li jirrispetta l-ilħna tal-Istati Membri kollha, irrispettivament mid-daqs, jibqa ’sfida kritika għall-futur tal-UE.

Iż-żamma tas-setgħa tal-veto hija għalhekk mod importanti biex jiġi żgurat li l-interessi ta’ atturi kbar setgħana mhux jirbaħ fuq tħassib ġustifikat ta’ dawk iżgħar. Huwa mod tajjeb kif wieħed irażżan il-prużunzjoni tal-ġganti Ewropej, u tfakkira sabiħa li fiċ-ċokon tagħhom, pajjiżi żgħar għandhom fehmiet validi li jistgħu jressqu mal-mejda. B’ tant f’ riskju, u l-elezzjonijiet Ewropej eżatt wara il-kantuniera, ejja nittamaw li l-midja lokali tingħaqad ma’ Spunt biex tqajjem kuxjenza dwar din il-kwistjoni sensittiva.

Leave a Reply

Your email address will not be published.