F’intervista mat-Times of Malta, l-Arċisqof Scicluna qal, “għaliex għandi nitlef qassis tajjeb li jixtieq ikollu familja?” Fl-2017, il-Papa nnifsu kien diġà ta ħjiel dwar il-possibilità li l-irġiel miżżewġa jitħallew isiru saċerdoti. Imma qassisin miżżewga hi idea tajba?
Qassisin miżżewġa – mhux xi ħaġa ġdida
Għalkemm bidla drammatika, il-possibiltà ta’ qassisin miżżewġin tkun ritorn għat-tradizzjoni Kristjana tal-bidu: fil-verità, imkien fit-Testment il-Ġdid ma hemm miktub li l-qassisin iridu jkunu ċelebi (mhux miżżewwġin u, għalhekk, astinenti sesswalment). Fil-fatt, għall-ewwel elf sena tal-Kristjaneżmu, ma kinitx ħaġa rari li saċerdot ikollu familja. San Pietru, l-ewwel Papa, kien hu stess raġel miżżewweġ. Ħafna Papiet tal-bidu kellhom saħansitra tfal.
L-oriġini taċ-ċelibat tas-saċerdot
Minkejja digrieti tal-Knisja li ddaħħlu fil-Medjuevu, iċ-ċelibat mhuwiex parti mit-tagħlim proprju mogħti minn Ġesù Kristu. Iċ-ċelibat jifforma parti mid-“dixxiplina” tal-Knisja, tagħlim jew linji gwida tal-Knisja mwaqqfa mill-Knisja, u li ġew infurmati mill-esperjenzi u t-tagħlim stess permezz tal-għaqal tagħha matul is-snin. Dawn il-linji gwida jistgħu madankollu jinbidlu.
Iċ-ċelibat tas-saċerdot huwa partikolari għall-Knisja Kattolika Rumana. Fil-fatt, fil-knejjes Ortodossi tal-Lvant, irġiel miżżewġin jistgħu jiġu ordnati bħala Saċerdoti. Iktar minn hekk, qassisin miżżewġa Anglikani li jikkonvertu għall-Knisja Kattolika Rumana xorta waħda jistgħu jiġu ordnati bħala qassisin Kattoliċi. Ir-raġunijiet li l-qassisin Kattoliċi Rumani għandhom jibqgħu ċelibi huma kemm teoloġiċi kif ukoll kanoniċi.
Raġunijiet teoloġiċi għaċ-ċelibat tal-qassis
Is-saċerdoti għandhom iservu fil-post ta’ Kristu, li hu stess ma kienx miżżewweġ. Billi jibqgħu ċelibi, u jiddedikaw ruħhom għas-servizz tal-Knisja, is-saċerdoti jsiru jixbħu aktar mill-qrib lil Kristu. It-tagħlim bikri tal-Knisja skont San Pawl ukoll huwa favur iċ-ċelibat. San Pawl fil-fatt argumenta li billi wieħed jibqa’ ġuvni, l-attenzjoni tiegħu tibqa’ ddedikata bis-sħiħ biex jaqdi lill-Mulej (1 Kor 7:32-35). Fil-fatt, Pawlu jirrakkomanda ċ-ċelibat b’mod speċjali lill-qassisin, li bħala “suldati ta’ Kristu” huma mħeġġa li jastjenu mill-“affarijiet ċivili” (2 TM 2:3-4).
Raġunijiet kanoniċi għaċ-ċelibat tal-qassis
Skont il-Liġi kanonika (il-Liġi tal-Knisja) is-saċerdoti ma jistgħux jiżżewġu peress li meta jiġu ordnati, jagħmlu wegħda ta’ ċelibat. L-ewwel referenza bil-miktub tmur lura għat-305AD. iżda ma kienx qabel l-1139 li l-qassisin kienu espliċitament ipprojbiti milli jiżżewġu.
Raġuni oħra hi li l-qassis hu msejjaħ biex jaqdi lil Alla. Meta qassis jiġi ordnat, il-Knisja ssir l-ogħla sejħa tiegħu. Kieku kellu jkollu familja, wieħed faċilment jista’ jimmaġina konflitti potenzjali bejn id-dmirijiet spiritwali u dawk familjari. Il-Vatikan sa issa qies li huwa aktar faċli għall-irġiel mhux marbutin biex jimpenjaw ruħhom fil-Knisja, peress li għandhom aktar ħin għad-devozzjoni u inqas aljenazzjonijiet.
L-ebda korrelazzjoni bejn iċ-ċelibat u l-abbuż tat-tfal
Ħsieb ovvju jmur għall-iskandli tal-abbuż fuq it-tfal u jekk in-nuqqas ta’ ċelibat iwassalx għal tnaqqis fl-abbużi. Ir-riċerka turi li l-abbuż sesswali għandu perċentwal ħafna ogħla ta’ okkorrenza fil-knejjes Protestanti milli fi ħdan il-kleru Kattoliku ċelebi. Jekk inħarsu lil hinn mid-dinja reliġjuża, ir-riċerka turi li l-persentaġġ ta’ abbuż huwa ferm ogħla fost dawk li mhumiex ċelebi, milli fost il-kleru Kattoliku ċelebi. Kieku ċ-ċelibat kien il-kaġun tal-abbużi, wieħed kien jistenna bil-kontra.
Żminijiet li jinbidlu
Saċerdoti miżżewġin kapaċi jkunu jifhmu aħjar x’jesperjenzaw il-parruċċani tagħhom ta’ kuljum. L-omelija tal-Ħadd tista’ ssir iktar relatabbli, billi tiggwida lill-fidili dwar kif jistgħu jlaħħqu max-xogħol, id-dar, il-familja, u dan filwaqt li jonoraw lil Alla. Din tista’ tkun mossa tajba biex aktar nies jitħajru jattendu l-quddies. Il-familja, b’mod partikolari, għandha rwol ċentrali fil-fidi Nisranija. L-esperjenza taż-żwieġ tpoġġi lill-qassis f’pożizzjoni aħjar biex jagħti pariri lill-koppji miżżewġin, b’mod partikulari fiż-żminijiet fejn il-valuri tal-familja qed dejjem jiġu taħt pressjoni.
Ir-realtà hi li l-Knisja, inkluża dik Maltija, qed issibha dejjem iktar diffiċli biex tattira saċerdoti. Madwar id-dinja, in-numru ta’ qassisin naqas bejn l-1970 u l-2014. Minkejja li l-popolazzjoni Kattolika tad-dinja kibret minn 654 miljun għal 1.23 biljun, in-numru ta’ saċerdoti xorta naqas minn 420,000 għal 414,000. Numru ta’ qassisin prospettivi, kif ukoll kurrenti, ma jixtiequx jagħżlu bejn li jkollhom ħajja m’ Alla u li jkollhom familja. Hija possibiltà li għad jerġa’ jasal iż-żmien meta jista’ jkollhom it-tnejn.
Referenzi
Watch: ‘Don’t expect the Church to be the opposition’. Times of Malta: https://timesofmalta.com/articles/view/watch-don-t-expect-church-opposition.1076682
Why Can’t a Priest Ever Marry? Catholic Answers: https://www.catholic.com/qa/why-cant-a-priest-ever-marry
Why Catholic priests practise celibacy. The Economist: https://www.economist.com/the-economist-explains/2017/03/23/why-catholic-priests-practise-celibacy
Why Can’t Roman Catholic Priests Marry? Graham Osborne, Catholic Education Resource Center: https://www.catholiceducation.org/en/controversy/protestant-objections/why-can-t-roman-catholic-priests-marry.html
Pedophiles and Priests: Anatomy of a Contemporary Crisis, Philip Jenkins (2001)Research: Child sex abuse is not more common among priests: https://onlysky.media/rsnedeker/priests-arent-the-only-perpetrators-of-child-sex-abuse/
Leave a Reply