Għaliex qed jipprotestaw il-bdiewa Ewropej?

Home » Għaliex qed jipprotestaw il-bdiewa Ewropej?
Għaliex qed jipprotestaw il-bdiewa Ewropej?

Madwar l-Ewropa, il-bdiewa qed jipprotestaw kontra diversi deċiżjonijiet mehudin fuq livell Ewropew, li skonthom qed jheddu l-għajxien tagħhom u l-vijabbiltà tal-agrikoltura. 

Fl-Olanda, l-enfasi kienet fuq miżuri ta’ tnaqqis tal emissjonijiet ta’ Nitroġenu, liem miżuri jinkludu tnaqqis tal-popolazzjonijiet tal-bhejjem. Il-bdiewa Ġermaniżi qed jilmentaw kontra pjanijiet biex jitnaqqsu s-sussidji tad-diżil, għax iħossu li din qed tkompli żżid pressjoni fuq l-industrija, li diġà qed ssofri minn pagi baxxi ghall-bdiewa, spejjeż li qegħdin dejjem jiżdiedu, u regolamenti ambjentali stretti tal-UE. 

Sadanittant, fi Franza, il-protesti komplew jeskalaw, immexxija minn tħassib dwar prezzijiet baxxi tal-ikel, proposti ta’ qtugħ fis-sussidji statali, u l-ftehim kontroversjali tal-kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Mercosur. 

Dawn il-protesti huma evidenza ta frustrazzjonijiet profondi dwar politika li l-bdiewa jemmnu li qed taffettwahom b’mod inġust. Qed jargumentaw li l-ftehim tal-UE-Mercosur jista’ jpoġġihom fi żvantaġġ, meta jitfagħhom f’kompetizzjoni ma’ prodotti agrikoli tal-Amerika t’Isfel.

Dawn il-protesti għandhom ċertu temi komuni, bħall-argument li s-settur agrikolu Ewropew qed jiffaċċja kompetizzjoni inġusta. Din is-sitwazzjoni ġiet aggravata ukoll mill-gwerra fl-Ukrajna, hekk kif l-UE neħħiet ostakli għall-importazzjonijiet minn dan il-pajjiż milqut mill-gwerra, biex tgħin l-ekonomija tiegħu. Dan kellu impatt fil-kummerċ, hekk kif influss ta prodotti lejn l-UE, qajjem tħassib, speċjalment fost il-ħaddiema Pollakki u Ungeriżi.

Il-Ftehim tal-Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Mercosur u l-industrija tal-biedja

Ftehim għall-Kummerċ Ħieles huwa patt bejn żewġ pajjiżi jew aktar, maħsub biex ineħħi l-ostakli għall-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ oġġetti u servizzi, jew fi kliem ieħor, biex jagħmel il-kummerċ bejniethom aktar faċli. Il-Ftehim għall-Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Mercosur, konkluż fl-2019, huwa ftehim bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Mercosur tal-Amerika t’Isfel; jiġifieri l-Brażil, l-Arġentina, l-Urugwaj, u l-Paragwaj.

It-tħassib tal-bdiewa rigward il-Ftehim tal-UE-Mercosur huwa raġonevoli, hekk kif żieda fil-kompetizzjoni hija realtà li l-operaturi ta’ reġjun iridu jiffaċċjaw meta jinfetħu l-fruntieri tagħhom (simili għal dak li ġara meta Malta ngħaqdet mal-UE.) Il-problema madankollu hija li r-regolamenti agrikoli tal-Mercosur huma aktar dgħajfa, meta mqabbla mal-UE. Dan qed iqiegħed lill-bdiewa Ewropej fi żvantaġġ.

Mill-perspettiva tal-bdiewa, l-UE qed tiġi tkun kontradittorja, jew saħansitra ipokrita, meta wieħed iqabbel l-istandards ambjentali u soċjali tal-UE mal-konċessjonijiet lill-pajjiżi tal-Mercosur.

Dan iqajjem tħassib dwar l-impenn tal-UE lejn l-għanijiet ambjentali u soċjali tagħha, speċjalment meta tqis l-impatti negattivi li jistà jħalli dan il-ftehim, bħal żieda fid-deforestazzjoni u l-użu ikbar ta’ antibijotiċi u pestiċidi.

Kompetittività tal-UE

Din l-inċertezza agrikola hija biss waħda minn diversi problemi fejn il-politika tal-UE qed jingħad li qed iddgħajjef il-kompetittività tar-reġjun fix-xena internazzjonali. Lil hinn mill-agrikoltura, l-UE qed taffaċċja sfidi oħra f’oqsma bħall-enerġija, u s-settur diġitali fejn regolamenti u standards rigorużi,, għalkemm qed jipproteġu l-konsumatur, qegħdin ukoll ifixklu l-innovazzjoni u t-tkabbir tal-intrapriża Ewropeja.

Dawn il-protesti jitfgħu dawl fuq tħassib dwar l-ambjent regolatorju tal-UE. Għalkemm l-għan f’ħafna minn dawn ir-regolamenti huwa pożittiv, bħall-konservazzjoni ambjentali, il-ħarsien soċjali, u l-privatezza tal-konsumatur, jistà jkun li b’mod involontarju, qed iwassal biex iqiegħed lill-UE fi żvantaġġ fl-arena ekonomika globali.

Leave a Reply

Your email address will not be published.