L-għażla tal-President ta’ Malta – nispjegaw kif inbidel il-proċess u r-riskju li ssir ballun politiku

L-għażla tal-President ta’ Malta – nispjegaw kif inbidel il-proċess u r-riskju li ssir ballun politiku

L-għażla tal-President ta’ Malta storikament kienet deċiżjoni parlamentari, li teħtieġ biss maġġoranza sempliċi biex tappoġġja n-nomina mressqa mill-Prim Ministru. Fi kliem sempliċi, il-partit fil-gvern dejjem għażel lil min deherlu xieraq b’ djalogu mill-inqas mal-oppożizzjoni.


Aqra l-artiklu bl-Ingliż


Madankollu, fl-2020 ġew introdotti bidliet sinifikanti, li biddlu l-proċedura. Skont l-Artikolu 48 (1) tal-Kostituzzjoni, il-President ta’ Malta issa huwa meħtieġ li jinħatar b’ riżoluzzjoni appoġġata minn tal-inqas żewġ terzi tal-membri kollha tal-Kamra tad-Deputati.

Jekk dan l-appoġġ ta’ żewġ terzi ma jintlaħaqx, il-President fil-kariga, f’ dan il-każ, George Vella, għandu jibqa’ fil-kariga sakemm ir-riżoluzzjoni ġġib il-voti meħtieġa.

It-tibdil fil-proċess tal-għażla tal-President ta’ Malta

F’ Ġunju 2020, il-kabinett approva proposta ta’ għadd ta’ riformi istituzzjonali ssuġġeriti mill-Kummissjoni Venezja, bil-għan li jissaħħu l-istrutturi demokratiċi tal-pajjiż. Waħda minn dawn il-proposti kienet ir-rekwiżit ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi biex jiġi elett il-President. Dan kien diġa’ suġġerit mill-Partit Nazzjonalista qabel l-elezzjoni ta’ George Vella, proposta li pero’ ġiet rifjutata.

L-emenda kostituzzjonali kif ġiet proposta mill-Gvern Laburista, madankollu, ma ġietx approvata mill-Parlament, peress li l-oppożizzjoni Nazzjonalista ma qablitx mal-mekkaniżmu li jiskatta jekk iż-żewġ terzi ma jkunux jintlaħqu. Il-mekkaniżmu kien jippermetti li President jiġi elett b’ maġġoranza parlamentari sempliċi, jekk il-maġġoranza ta’ żewġ terzi ma tinkisibx wara żewġ tentattivi.

Xahar wara, intlaħaq qbil unanimu, hekk kif il-mekkaniżmu tranġa. F’ każ ta’ nuqqas ta’ qbil, il-persuna fil-kariga ta’ President sakemm suċċessur eventwalment jikseb biżżejjed voti.

Il-ħatra ta’ President kapaċi ssir ballun politiku

Il-ħtieġa ta’ kunsens bejn il-gvern u l-oppożizzjoni għall-ħatra tal-President għandha l-potenzjal li tibdel l-għażla presidenzjali f’ negozjar politiku kumpless. Dan ma kienx ikun il-każ fl-2019, hekk kif George Vella kien appoġġjat miż-żewġ partiti l-kbar, u għalhekk, aktar minn żewġ terzi tal-Parlament.

Hekk kif it-terminu tal-President ta’ Malta George Vella se jintemm f’ April tal-2024, għad hemm inċertezza biex jintlaħaq ftehim dwar is-suċċessur tiegħu. Ir-rapporti jissuġġerixxu li ma nbdew l-ebda diskussjonijiet bejn iż-żewġ partijiet dwar is-suċċessur potenzjali.

Minħabba r-rekwiżit għal maġġoranza ta’ żewġ terzi, ir-riskju ta’ impass huwa sinifikanti. Il-President Vella nnifsu esprima tħassib dwar dan l-istaġnar, bit-tama li tiġi evitata sitwazzjoni kkumplikata għall- ħatra tal-Ombudsman il-ġdid. Jekk ma jintlaħaqx ftehim dwar il-President il-ġdid, il-President Vella għandu l-għażla li jew ikompli t-terminu tiegħu sakemm jinstab ftehim, jew jitlaq mill-kariga, f’ liema każ, jinħatar l-Aġent President.

Ir-rwol tal-President f ’Malta huwa primarjament ċerimonjali. Madankollu, l-approċċ taż-żewġ partiti politiċi ewlenin fil-proċess li jmiss tal-għażla Presidenzjali se jkun indikatur li jikxef il-maturita’ politika tagħhom.

Leave a Reply

Your email address will not be published.