Nanalizzaw ir-reshuffle tal-Kabinett: Mossa strateġika qabel l-elezzjoni tal-MPE?

Nanalizzaw ir-reshuffle tal-Kabinett: Mossa strateġika qabel l-elezzjoni tal-MPE?

F’mossa li ħasdet lil ħafna, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar reshuffle tal-kabinett, hekk kif ninsabu fuq l-għatba tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Din id-deċiżjoni tidher li hija maħsuba biex tindirizza oqsma li fihom il-pubbliku kien qed juri li ma kienx kuntent. Dan il-ħsieb jinbet hekk kif l-akbar bidliet kienu fil-ħolqien ta’ rwoli ġodda u bidliet fl-istaff, biex jiġu indirizzati problemi bħall-immaniġġjar tal-infrastruttura, il-konġestjoni tat-traffiku, u l-indafa tal-pajjiż. Dawn kollha kienu suġġetti jaħarqu matul l-ewwel sena u nofs ta’ din il-leġiżlatura.


Aqra l-artiklu bl-Ingliż


Bidliet strateġiċi u aġġustamenti

It-tneħħija ta’ Aaron Farrugia mir-rwol ta’ Ministru għall-Infrastruttura u t-Trasport kienet waħda mill-iktar bidliet sinifikanti fir-reshuffle, b’impatt ċar fuq il-karriera tiegħu. Din id-deċiżjoni tidher li tirrifletti rispons għall-frustrazzjoni pubblika dwar nuqqas ta’ koordinazzjoni fi proġetti infrastrutturali u kwistjonijiet ta’ traffiku bla kontroll. Farrugia ġie sostitwit minn Chris Bonett. Għal dan tal-aħħar, din il-promozzjoni tidher bħala rikonoxximent tal-ħidma pożittiva bħala Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej. Il-Prim Ministru se jkun qed jittama li l-esperjenza li kiseb fl-immaniġġjar ta’ proġetti fl-irwol li kellu, se tgħinu fir-rwol il-ġdid.

Il-ħatra ta’ Glenn Bedingfield bħala Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika tidher ukoll li hija risposta diretta għan-nuqqasijiet li kien qed ikun hemm dwar l-istat tal-indafa f’Malta. Minn aspett politiku, Bedingfield, li ilu fil-qalba tal-partit Laburista sa mill-aħħar tas-snin 90, huwa għażla li jaf tintlaqa’ tajjeb mal-qalba tal-partit Laburista.

Skrutinju legali u regolament dwar l-industrija

Jonathan Attard, filwaqt li żamm ir-rwol tiegħu bħala Ministru tal-Ġustizzja, issa se jkun qed jieħu ħsieb wkoll ir-riforma fis-settur tal-kostruzzjoni. Din hija żieda interessanti ħafna wara l-każ ta’ Jean Paul Sofia. Id-dmirijiet miżjuda tiegħu jistgħu jindikaw intenzjoni li jiġi riformat il-qafas legali fl-industrija tal-kostruzzjoni. Wieħed jittama li din il-mossa turi impenn għal iktar sigurtà, kontabilità u trasparenza f’settur li sar taħt skrutinju kontinwu, u bir-raġun.

Aspirazzjonijiet internazzjonali għal Fearne

Żvilupp sinifikanti ieħor huwa dak tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, li issa jidher li xeħet għajnejh fuq ix-xena internazzjonali bħala l-kandidat ta’ Malta għall-Kummissarju tal-UE. Is-suċċess tiegħu ta’ kif Malta operat waqt il-pandemija tal-COVID-19 mhux biss għolliet l-istatura domestika tiegħu, iżda wkoll saħħet ir-reputazzjoni internazzjonali tiegħu. Jekk isseħħ din il-qabża mil-lokal għall-Ewropa, jidher li tkun tagħmel sens mal-ambizzjonijiet tal-karriera tiegħu.

Simplifikazzjoni fi rwoli oħra

Il-portafoll tal-intrapriża, li qabel kien jaqa’ taħt il-Ministru Miriam Dalli, ġie trasferit għal Silvio Schembri, li għandu wkoll il-portafoll tal-ekonomija. Din il-konsolidazzjoni taħt Ministru wieħed tidher li hija pass loġiku, bl-għan li jissimplifika dawn is-setturi marbutin. Is-saħħa u l-kura tal-anzjani issa huma wkoll magħqudin taħt Ministeru wieħed. Din il-bidla għadha l-istess spirtu ta’ dik ta’ qabilha, hekk kif mistennija li tnaqqas il-burokrazija billi tiġbor il-kura tas-saħħa taħt saqaf wieħed b’mod iktar ħolistiku.

Reshuffle tal-Kabinett li ssorprenda, iżda pass loġiku politikament

Dan ir-reshuffle, filwaqt li ma kienx mistenni, huwa indikazzjoni tal-intenzjoni tal-Gvern li jindirizza dawk il-problemi li l-iktar qed iħassbu lill-pubbliku. Għalhekk dan ir-reshuffle tal-kabinett jista’ jitqies bħala wieħed pożittiv minn perspettiva nazzjonali, u wieħed loġiku minn angolu politiku hekk kif Malta tibda tipprepara għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew iktar tard din is-sena.

Leave a Reply

Your email address will not be published.